Unjonijiet ċivili u sħubijiet irreġistrati

Jekk int ċittadin tal-UE u tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE, familtek, inkluż il-partner irreġistrat(a) tiegħek, jista’/tista’ jingħaqad/tingħaqad miegħek.

Twissija

Jekk int ċittadin tal-UE u qatt ma għext f’pajjiż ieħor tal-UE, japplikaw biss ir-regoli nazzjonali.

Jekk qiegħed fi sħubija rreġistrata ma’ persuna tal-istess sess, il-pajjiż ospitanti tiegħek għandu jagħti d-drittijiet tar-residenza lill-partner tiegħek bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-partners irreġistrati jew għal qraba oħrajn.

Jekk il-partner tiegħek hu/hi ċittadin(a) tal-UE

Bħala ċittadin(a) tal-UE, il-partner irreġistrat(a) tiegħek jista’/tista' jgħix/tgħix fil-pajjiż tal-UE li qed jospita lilek, bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tal-UE. Jekk il-partner irreġistrat(a) tiegħek qed jaħdem/taħdem jew ifittex/tfittex xogħol, jirċievi/tirċievi pensjoni, jew qed jistudja/tistudja, agħti daqqa t’għajn lejn x’inhuma l-kundizzjonijiet u l-formalitajiet għal dawn il-kategoriji:

Jekk se joqgħod/toqgħod bħala dipendenti tiegħek

Jekk il-partner tiegħek m’għandux/m’għandhiex il-ħsieb li jaħdem/taħdem, ifittex/tfittex xogħol, jew jistudja/tistudja, u ma jirċevix/tirċevix pensjoni, xorta jista’/tista’ jingħaqad/tingħaqad miegħek bħala membru tal-familja. Xi pajjiżi tal-UE jimxu fil-każ tas-sħubijiet irreġistrati bl-istess mod kif jimxu mal-koppji miżżewġin. F’dan il-każ, għandek tivverifika x’inhuma d-drittijiet tar-residenza u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-konjuġi.

Pajjiżi oħrajn tal-UE ma jirrikonoxxux is-sħubijiet irreġistrati bħala ekwivalenti għaż-żwieġ. Ivverifika x’inhuma d-drittijiet tar-residenza u l-kundizzjonijiet applikabbli għal qraba oħrajn jew skopri aktar dwar ir-rikonoxximent tas-sħubijiet irreġistrati fl-Ewropa.

Jekk il-partner tiegħek mhuwiex/mhijiex ċittadin(a) tal-UE

Xi pajjiżi tal-UE jimxu fil-każ tas-sħubijiet irreġistrati bl-istess mod kif jimxu mal-koppji miżżewġin. Ara x’inhuma d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tar-residenza applikabbli għall-konjuġi li mhumiex ċittadini tal-UE. Pajjiżi oħrajn tal-UE ma jirrikonoxxux is-sħubijiet irreġistrati bħala ekwivalenti għaż-żwieġ, iżda l-partner irreġistrat(a) tiegħek jista’/tista’ jingħaqad/tingħaqad miegħek bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għal membri oħrajn tal-familja. Ara x’inhuma d-drittijiet tar-residenza u l-kundizzjonijiet applikabbli għal qraba oħrajn li mhumiex ċittadini tal-UE.

Sir af aktar dwar ir-rikonoxximent tas-sħubijiet irreġistrati fl-Ewropa.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 08/05/2025
Ikkondividi din il-paġna
OSZAR »