Biex tforni servizzi barra minn pajjiżek
Jekk inti rreġistrat biex tipprovdi servizzi (bħala perit jew gwida turistika, pereżempju) fil-pajjiż fejn tgħix, tista’ toffri dawn is-servizzi f’pajjiż ieħor tal-UE mingħajr ma toħloq kumpanija jew fergħa hemmhekk.
Dan jista’ jkun utli jekk trid:
- tipprovdi s-servizz hemmhekk b’mod temporanju biss
- tipprovdi s-servizz għal klijent speċifiku li jgħix hemmhekk
- tittestja s-suq qabel ma tespandi l-kumpanija tiegħek hemmhekk.
Fil-prinċipju, għandek tkun tista’ tforni servizzi f’pajjiż ieħor tal-UE mingħajr ma jkollok tikkonforma mal-proċeduri amministrattivi u r-regoli kollha ta’ dak il-pajjiż (bħall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel biex tagħmel negozju). Madankollu, jaf ikollok bżonn tinnotifika lill-awtoritajiet pubbliċi li se tkun qed toffri servizzi f’pajjiżhom. Il-pajjiż l-ieħor irid ikollu raġunijiet validi biex jimponi r-rekwiżiti tiegħu.
Jekk tesperjenza diffikultajiet mal-awtoritajiet pubbliċi, tista’ titlob l-għajnuna tas-servizzi ta’ għajnuna u pariritagħna.
Nota: Jekk toffri servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir, u elettroniċi, dawn is-servizzi dejjem se jkunu intaxxati fil-pajjiż tal-klijent. Għal persuna mhux taxxabbli dan ikun il-post fejn tkun stabbilita, ikollha indirizz permanenti, jew is-soltu toqgħod. Għal klijent kummerċjali, dan ikun il-pajjiż fejn in-negozju jkun stabbilit jew ikollu sede fissa fejn dan l-istabbiliment ikun jingħata s-servizz.
Minkejja dan il-prinċipju, ma tistax taqbad u tassumi li tista’ tipprovdi servizzi mingħajr ma tistabbilixxi kumpanija lokalment. Jekk tistax jew le jiddependi prinċipalment fuq il-frekwenza, it-tul ta’ żmien, u r-regolarità tas-servizzi li trid tipprovdi.
Barra minn hekk, jistgħu japplikaw regoli differenti għal ċerti setturi, pereżempju:
- is-servizzi finanzjarji
- is-servizzi tal-kura tas-saħħa li jistgħu jiġu prattikati biss minn membri ta’ professjoni tas-saħħa regolata
- is-servizzi privati tas-sigurtà
- is-servizzi tal-logħob tal-azzard
- is-servizzi notarili
- is-servizzi ta’ aġenziji tax-xogħol temporanju
- is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir, u elettroniċi
Jekk tagħżel li tirreġistra kumpanija f’pajjiż ieħor tal-UE, ikollok tikkonforma mar-regoli nazzjonali għall-inkorporazzjoni/għar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija sussidjarja, fergħa, jew aġenzija u għall-biċċa l-kbira tar-regoli ta’ dak il-pajjiż biex tistabbilixxi negozju (inkluż ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħek u l-applikazzjoni għall-permessi neċessarji). Tista’ tintalab ukoll tikkonforma mal-istandards nazzjonali, Ewropej, jew internazzjonali.
Biex issir taf x’għandek tagħmel fil-każ tiegħek, staqsi lill-punt ta’ kuntatt uniku fil-pajjiż fejn trid tipprovdi s-servizzi. Il-punti ta’ kuntatt uniku jipprovdu informazzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ pajjiżhom. Ħafna minnhom jipprovdu wkoll informazzjoni b’lingwi oħrajn. Il-livell tal-informazzjoni u tas-servizz li jagħtu jista’ jvarja minn punt ta’ kuntatt għal ieħor.
Tista’ ssib ukoll informazzjoni fuq il-websites tal-gvernijiet nazzjonali billi tagħżel pajjiż hawn taħt:
Agħżel il-pajjiż
Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir, u elettroniċi
Jekk tforni servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir, u elettroniċi, dawn is-servizzi normalment jiġu intaxxati fil-pajjiż tal-klijent.
Klijenti kummerċjali
Għal klijent kummerċjali, dan ikun il-pajjiż fejn in-negozju jkun stabbilit jew ikollu sede fissa fejn dan l-istabbiliment ikun jingħata s-servizz.
Klijenti mhux taxxabbli
Għal persuni mhux taxxabbli, dan ikun il-post fejn ikunu stabbiliti, ikollhom indirizz permanenti, jew is-soltu joqogħdu.
Regoli speċjali għal fatturat annwali baxx
Hemm xi eċċezzjonijiet; dawn ir-regoli simplifikati jfissru li tista’ tagħżel li tapplika r-regoli tal-VAT tal-pajjiż tal-UE tiegħek (jiġifieri fejn int stabbilit, għandek l-indirizz permanenti, jew is-soltu toqgħod) jekk tissodisfa dawn il-kriterji:
- inti stabbilit, għandek l-indirizz permanenti, jew is-soltu toqgħod f’pajjiż wieħed biss tal-UE
- tforni servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir, jew elettroniċi lil konsumaturi mhux taxxabbli li huma stabbiliti, għandhom l-indirizz permanenti tagħhom, jew is-soltu joqogħdu f’pajjiż ieħor tal-UE
- il-valur totali tal-fornimenti tiegħek ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir, jew elettroniċi ma jaqbiżx l-€10,000 (eskluża l-VAT) fis-sena kalendarja attwali, u lanqas ma laħaq dak l-ammont fis-sena kalendarja preċedenti
F’dan il-każ, ma jkollokx bżonn tirreġistra, iddaħħal id-dikjarazzjonijiet tal-VAT, u tagħmel pagamenti f’kull pajjiż tal-UE fejn ikunu joqogħdu l-klijenti tiegħek (u lanqas li tirreġistra għall-iskema MOSS). Minflok, tiġbor il-VAT mingħand il-klijenti tiegħek bir-rata applikabbli f’pajjiżek, u tħallas u tiddikjara dik il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa f’pajjiżek.
Jekk tibbenefika minn skema speċjali għan-negozji ż-żgħar f’pajjiżek li tippermettilek li teżenta l-fornimenti tiegħek mill-VAT sa ċertu limitu, dan japplika wkoll għall-fornimenti ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir, u elettroniċi tiegħek.
M’hemmx differenza bejn il-klijenti, ikunu fejn ikunu fl-UE
Filwaqt li int ħieles li tiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tiegħek, il-klijenti kollha tiegħek li huma bbażati fl-UE jrid ikollhom l-istess aċċess għas-servizzi (fornuti fis-sede tan-negozju tiegħek jew elettronikament) bħall-klijenti lokali tiegħek. Jekk toffri prezz, promozzjoni, jew kundizzjonijiet speċjali ta’ bejgħ, dawn għandhom jiġu offruti lill-klijenti kollha tiegħek irrispettivament mill-pajjiż tal-UE li jkunu jinsabu fih, kif ukoll min-nazzjonalità, mill-post tar-residenza, jew mill-post tan-negozju tagħhom.
Ir-regoli japplikaw għat-tranżazzjonijiet online u offline, dment li l-bejgħ ikun qed isir lill-utent finali (individwu jew negozju li ma jkollux il-ħsieb li jerġa’ jbigħ, jittrasforma, jipproċessa, jikri, jew jissottokuntratta dak li jkun se jixtri). Ir-regoli ma japplikawx għas-servizzi awdjoviżivi. Għal kontenut online ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur, jistgħu japplikaw limitazzjonijiet minħabba limitazzjonijiet territorjali tad-drittijiet tal-awtur.
Aċċess għal interfaċċi online
Il-klijenti tiegħek iridu jkunu jistgħu jaċċessaw kwalunkwe verżjoni tal-website tiegħek li jkunu jixtiequ. Pereżempju, jekk ikunu l-Italja u jittajpjaw il-URL Spanjol tal-website tiegħek, m’għandhomx jittieħdu awtomatikament fil-verżjoni Taljana. Iridu jagħtuk il-kunsens tagħhom qabel ma tittrasferihom u għandhom id-dritt li jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe ħin.
Bejgħ ta’ servizzi fornuti elettronikament
Jekk il-klijent tiegħek ikun ibbażat f’pajjiż ieħor tal-UE u jkun jixtieq jixtri mingħandek servizzi fornuti elettronikament (bħal servizzi tal-cloud, ħżin virtwali tad-data, jew web-hosting), għandu jkun jista’ jaċċessa dawn is-servizzi u jirreġistra għalihom bħalma jagħmlu l-klijenti tiegħek ibbażati lokalment.
Jekk biex toffri s-servizz tiegħek lil klijent f’pajjiż ieħor ikollok taqsam fruntiera, għandu mnejn ikollok tagħmel spejjeż addizzjonali – għall-ħażna jew biex tikkonforma mal-proċeduri amministrattivi, pereżempju. Tali spejjeż addizzjonali jistgħu jiġġustifikaw prezzijiet ogħla għal klijent f’pajjiż ieħor.
M’intix ċert x’jikkostitwixxi diskriminazzjoni?
Jekk m’intix ċert jekk intix qed tiġi diskriminat b’mod illegali minn negozjant jew jekk int stess intix qed tapplika kundizzjonijiet diskriminatorji għall-klijenti tiegħek, staqsi lill-punt ta’ kuntatt rilevanti f’pajjiżek.